€6 miljun fi proġetti minn 19-il kunsill lokali

Dsatax-il kunsill lokali għaddejin b’għadd ta’ proġetti b’valur ta’ €6 miljun bil-għan li jtejbu l-infrastruttura fl-irħula u l-ibliet. Dan biex itejbu l-prodott turistiku tagħhom u jgħollu l-livell tal-għixiex għar-residenti.
Dawn il-proġetti qed ikunu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u jridu jitlestew sal-aħħar ta’ dis-sena.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, qal dan waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Leisure Park biswit il-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala.
Ian Borg qal li l-għan ta’ dan il-proġett kien ir-rijabilitazzjoni ta’ Ġnien San Tumas biex issa qed jiġbor fih faċilitajiet sportivi bħal outdoor gym , żoni ta’ logħob għat-tfal u rikreazzjoni għall-familja.
Barra minn hekk se jkunu ppublikati fuljetti biex iħeġġu anke mixjiet rurali madwar San Tumas, liema mixja twasslet għar-riserva naturali ta’ Xrobb l-Għaġin. 

Ritratt: DOI- Jeremy Wonnacott