€6,500 misruqa minn ħanut tal-logħob f’San Pawl il-Baħar

Madwar €6,500 fi flus kontanti nsterqu minn ħanut tal-logħob.
Il-Pulizija qalet li kien raġel mgħammad u armat b’sikkina li lbieraħ, għall-ħabta tal-10pm fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, wettaq din is-serqa.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li l-ħalliel hedded lill-impjegat tal-istabbiliment, ġuvni ta’ 23 sena, bl-arma u talbu l-flus. L-impjegat tah il-flus u l-ħalliel ħarab jiġri ‘l barra.
Is-serqa qed tiġi investigata mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra. Inħatru ukoll diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.