€500,000 allokati għall-intrapriżi fl-arti u kultura

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg ħabbar l-allokazzjoni ta’ €500,000 fi programm marbut ma’ spejjeż relatati ma’ attivitajiet kulturali u arti.
Dr Ian Borg ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa fir-Rabat fil-ħanut tal-Gilder Arthur Vassallo li bbenefika mill-ewwel sejħa maħruġa mill-GAL Majjistral.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-aħħar snin mill-programm LEADER ġew allokati fondi lit-tliet Gruppi t’Azzjoni Lokali (GAL) sabiex ifasslu Strateġija ta’ Żvilupp fuq bażi Reġjonali. Permezz ta’ din l-istrateġija ġew żviluppati diversi skemi li qed jiġu implementati fit-territorju rispettiv ta’ kull GAL.
Matul dawn l-aħħar snin, fil-fatt ġew imnedija diversi skemi li jindirizzaw diversi prijoritajiet ta’ kull reġjun fosthom l-inklużjoni soċjali, ambjent, arti u kultura, promozzjoni tar-reġjun, attivitajiet turistiċi, għajnuniet lill-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll tisbieħ tal-lokalitajiet.
Ġew implimentati ukoll €600,000 fi skema għall-bdiewa u raħħala sabiex ikun imtejjeb l-aċċess għall-għelieqi u l-irziezet tagħhom.
Għall-perjodu ta’ programmazzjoni ġdid is-Segretarju Parlamentari qal li l-programm LEADER ser ikollu allokazzjoni ta’ madwar €6,600,000 jew 5% tal-valur tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali  2014-2020. Dan ifisser żieda sostanzjali fuq l-allokazzjoni preċedenti li kienet ta’ €4 miljun. Dawn il-fondi se jiġu allokati taħt diversi skemi li jkunu jiffurmaw parti mill-istrateġiji ġodda li kull GAL sejra tkun qed tipprepara fix-xhur li ġejjin.