€48m f’mediċini fl-2013

Il-Gvern, fl-2013, nefaq €48,003,933 f’mediċini għall-użu fl-entitajiet tiegħu fosthom fl-isptarijiet, f’mediċini li jingħataw permezz tal-iskema L-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u f’entitajiet oħrajn.

Dan ħareġ fil-Parlament fi tweġiba li ta l-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia għal mistoqsija parlamentari li għamillu d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech.

L-ikbar nefqa kienet, kif wieħed jistenni, għall-Isptar Mater Dei bi €21.8 miljun, segwit mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek bi €15.6 miljun.

L-Isptar Boffa kien jeħtieġ €4.3 miljun f’mediċini, filwaqt li s-settur tal-kura primarja kien jeħtieġ €2.8 miljun. L-Isptar Ġenerali t’Għawdex, matul l-2013, fisser l-investiment ta’ €1.2 miljun, filwaqt li l-Isptar Monte Karmeli, San Vinċenz de Paule u l-isptar ta’ rijabilitazzjoni Karin Grech kienu jeħtieġu €850,432, €567,490 u €364,827 rispettivament.

Iċ-ċifra ta’ €48 miljun tinkludi wkoll mediċini li ngħataw miċ-Ċentru tad-Detox (€156,915), mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (€40,759), mill-ispiżerija tal-Forzi Armati ta’ Malta (€4,386) kif ukoll fil-postijiet l-oħra kollha tal-Gvern (€1,486).