€476,000 miġbura għad-Dar tal-Providenza

Wara maratona ta’ 53 siegħa volleyball, is-somma li nġabret b’risq id-Dar tal-Providenza kienet ta’ €€476,218.
Għas-sitt edizzjoni ta’ din il-maratona ħadu sehem 300 voluntier u 40 plejer.
F’isem ir-residenti u l-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza, id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti li għal darb’oħra wieġeb għas-sejħa ta’ solidarjetà u kien ġeneruż ma’ din id-Dar.
Irringrazzja wkoll lil kull min ipparteċipa, ikkopera u ta l-appoġġ biex il-maratona tkun suċċess.
Id-Dar tal-Providenza toffri residenza f’ambjent “ta’ familja” lil diversi persuni b’dizabilità, b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u d-dinjita’ tagħhom.  
Kull sena, id-Dar ikollha bżonn mat-3 miljun ewro biex tkun tista' tfendi l-ispejjeż tas-servizzi li toffri.
Barra t-tlett residenzi li hemm fil-kumpless ta’ residenzi fis-Siġġiewi, id-Dar tal-Providenza tipprovdi s-servizzi tagħha f’Dar Żerniq fil-Komunità tas-Siġġiewi, u Akkwarell, li hija dar oħra fil-komunità tal-Qawra u f’Dar Pirotta li hija Dar fil-Komunità ta’ B’Kara. 
B’kollox f’dawn id-djar jgħixu 105 residenti bl-iżgħar wieħed għandu sentejn u l-ixjeħ 82 sena.