Panama Papers: €420 miljun f’taxxi mirbuħa lura

L-awtoritajiet tat-taxxi f’diversi pajjiżi rnexxielhom jerġgħu jiksbu lura b’kollox kważi €420 miljun f’taxxi, mindu l-iskandlu tal-Panama Papers fetaħ għajnejn id-dinja dwar il-modi kif is-sinjuruni jaħbu flushom biex ma jħallsux taxxa.
Kien f’April tas-sena l-oħra li l-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ), flimkien ma’ aktar minn 100 kamra tal-aħbarijiet, ippubblika l-Panama Papers, dik li qed titqies bħala l-akbar investigazzjoni ġurnalistika tal-istorja.
Ir-rivelazzjonijiet f’dawn id-dokumenti messew lil Malta mill-qrib, bil-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinstab li kellhom dawn it-tip ta’ kumpaniji fil-Panama minn trusts fi New Zealand.
Isem l-eks-Ministru Nazzjonalista, Ninu Zammit, ukoll kien deher fil-Panama Papers bħala shareholder ta’ kumpanija li kienet xolta fl-2015.
Meta d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku, Malta kellha 714-il kumpanija msemmija, jiġifieri t-tmien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Minħabba dak li żvelaw dawn id-dokumenti, hemm inkjesti għaddejja kontra Schembri, u mal-ħin tfaċċaw aktar allegazzjonijiet ta’ tixħim ta’ flus fil-konfront tiegħu u tal-Ministru Mizzi.
Ismijiet oħra li raw id-dawl kienu ta' Brian Tonna u Karl Cini, il-konsulenti finanzjarji ta’ Nexia BT li fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Mizzi u Schembri.
B’kollox hemm 5 inkjesti maġisterjali għaddejjin.
Twaqqaf ukoll il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinvestiga l-Panama Papers.
Audits tat-taxxa skattati f’diversi pajjiżi
Spanja waħedha ġabret mal-€100 miljun f’taxxi li kienu qed jaħarbulha minn idejha bħar-ramel.
Mill-pajjiżi msemmija fil-Panama Papers, 15 minnhom mifruxa fuq tliet kontinenti, ikkummentaw pubblikament fuq kif l-awtoritajiet tat-taxxa f’kull pajjiż qed jiksbu lura dak li tilfu.
Aktar kmieni din is-sena, is-sidien ta’ Mossack Fonseca, il-kumpanija li kienet tipprovdi biex jinħolqu l-kumpaniji offshore fil-Panama, Ramón Fonseca u Jürgen Mossack, ġew arrestati minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus fil-Brażil.
Il-Korea t’Isfel qalet li ġabret lura sa €1 biljun f’taxxi, għalkemm mhux kollha huma relatati mar-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers. Minkejja dan l-ICIJ irrimarkaw li l-Panama Papers servew biex ġew skattati audits dwar taxxa f’pajjiżi li mhux bilfors kienu milquta direttament mid-dokumenti.
Fil-Kanada biss hemm 123 audit għaddej u diversi investigazzjonijiet kriminali.
It-tneħħija tal-Prim Ministru Pakistani minħabba l-Panama Papers
F’Lulju l-Qorti Suprema tal-Pakistan ivvutat unanimament biex il-Prim Ministru, Nawaz Sharif, jitneħħa mill-kariga minħabba li ismu deher fid-dokumenti.
L-ICIJ iddeskriva dan l-avveniment bħala l-quċċata tal-effett tal-Panama Papers.
Fil-Mongolja nħolqot il-Liġi tal-Kunflitt ta’ Interess, li tipprojbixxi uffiċjali pubbliċi milli jkollhom kumpaniji offshore, fit-Tuneżija nħolqot kummissjoni ta’ inkjesta fil-Panama Papers, u fl-Olanda mill-bidu tas-sena d-dieħla l-liġi li tirregola t-trusts se tkun aktar ristretta.
Dawn huma wħud mill-miżuri li ħadu ftit mill-pajjiżi li aġixxew wara r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers.
Aktar kmieni dan ixxahar l-Unjoni Ewropea ppubblikat il-lista ta’ pajjiżi li tqis bħala tax havens, lista li kien hemm dibatittu fil-Parlament Ewropew biex Malta tiddaħħal fiha.