€400,000 għall-familja tal-infermiera vittma tat-telefonata b’ċajta

L-istazzjon tar-radju Awstraljan 2DayFm, li kien il-moħħ wara dik iċ-ċajta telefonika li spiċċat fi traġedja, jidher li se jagħti s-somma ta’ €400,000 lill-familjari tal-infermiera li qed jingħad li neħħiet ħajjitha wara li wieġbet telefonata u tat informazzjoni li li mhux suppost dwar saħħet id-Dukessa ta’ Cambridge Kate Middleton.

Skont CNN, il-Kap Eżekuttiv tar-radju qal li kull profitt li se jagħmel ir-radju sal-aħħar tas-sena, se jmur kollu b’risq il-familja tal-infermiera.

Jacintha Saldanha, allegatament instabet mejta wara li żewġ DJs Awstraljani, ċemplu l-isptar King Edward VII f’Londra, fejn kienet rikoverata Kate Middleton u lill-infermiera qalulha li huma r-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Charles. L-infermiera ma ndunatx li l-konversazzjoni fuq it-telefown qed tiġi rrikordjata u li kienet ċajta.

“Ir-Reġina” u “l-Prinċep” staqsew lil Jacintha dwar is-saħħa tad-Dukessa u t-tarbija, u din għaddiet l-informazzjoni mingħajr problemi.

Fil-filmat hemm l-intervista li saret maż-żewġ DJs inkwistjoni, Mel Greig u Michael Christian.