€4 miljun iffrankati mill-frodi tal-benefiċċji soċjali

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li huwa stmat li matul is-sena li għaddiet ġew iffrankati €4,020,309 mill-frodi tal-benefiċċji soċjali.
Il-Ministru Falzon ta din l-informazzjoni fi tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari tal-Whip tal-Gvern Byron Camilleri fejn spjega li dawn ġew iffrankati minn 330 każ li nstabu li qed jiksru l-liġi.
Il-Ministru qal li matul is-sena li għaddiet il-Gvern irċieva 650 rapport ta’ każijiet fejn kien allegat abbuż mill-benefiċċji soċjali.
Spjega li minn dawn il-każijiet, id-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji irakkomanda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali 330 każ illi nstab li kienu qed jiksru l-liġi u għalhekk kellhom jiġu sospiżi jew riveduti skont il-każ.