€360,000 biex isiru jafu l-perċezzjoni tal-Maltin dwar is-sigurtà

Il-Gvern se jagħti €360,000 biex riċerkaturi jsiru jafu l-perċezzjoni tal-popolazzjoni Maltija dwar is-sikurezza u s-sigurtà fuq tul ta’ żmien.
Din ir-riċerka mistennija tieħu tliet snin u se tkun ikkoordinata mill-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien u mmexxija minn Dr Gordon Sammut.
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Università ta’ Malta nedew Monitor Nazzjonali għas-Sikurezza u s-Sigurtà. Il-Ministeru se jiffinanzja r-riċerka li ħa tammonta għal €120,000 kull sena għall-perjodu ta’ tliet snin. 
L-Università laqgħet l-appoġġ tal-ministeru għal din l-inizjattiva biex jitwettaq studju nazzjonali fix-xjenza tas-sigurtà.  Qalet li dan il-proġett se jgħin biex jikkonsolida aktar l-applikazzjoni tax-xjenza tas-sigurtà fis-soċjetà Maltija.
Il-Ministru Michael Farrugia stqarr li din il-kollaborazzjoni bejn il-ministeru u l-Università ta' Malta se tkompli ssaħħaħ l-iżvilupp kontinwu fis-sezzjonijiet speċjalzzati fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
L-għan tal-Monitor ser ikun li ssir riċerka dwar il-qasam ta’ sikurezza u sigurtà nazzjonali f’Malta. Dawn jinkludu kwistjonijiet bħall-perċezzjonijiet tas-soċjetà dwar sigurtà personali, sigurtà ekonomika u sigurtà kulturali f’Malta, u mudelli ta’ żvilupp fil-perċezzjonijiet u esperjenzi ta’ sigurtà tul il-ħajja kollha.
Il-Monitor huwa parti minn kollaborazzjoni aktar wiesgħa bejn il-Ministeru u l-Università fil-qasam tax-xjenza tas-sigurtà, li jinkludi boroż ta’ studju fix-Xjenza tas-Sigurtà fil-livelli ta’ Masters u PhD.
Ritratt: DOI – Jason Borg