€31 miljun f’għajnuna għall-Kristjani refuġjati f’Ninwè

Mill-invażjoni tal-ISIS fl-Iraq fl-2014 u l-2018 l-Aid to the Church in Need (ACN) tat €31 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza għall-ħtiġijiet tal-Kristjani refuġjati interni fil-Wesgħat ta’ Ninwè. 
Fi stqarrija, l-Aid to the Church in Need (Malta) qalet li x-xewqa ta’ dawn il-popolazzjonijiet hi li jirritornaw lejn djarhom. 
L-ACN se tagħti wkoll €4 miljun oħra biex tirranġa 2,000 dar oħra minn madwar 13,000 li ġarrbu ħsarat jew inqerdu totalment biex tgħin il-popolazzjonijiet antiki Kristjani jirritornaw.
Riċentament, rappreżentanti tal-ACN u l-Kavallieri ta’ Kolombus (KoC) kellhom laqgħa ma’ Mourad Wahba, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Programm tal-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Tefgħu dawl fuq l-isfidi li għaddejjin bħalissa l-Kristjani li qed ifittxu li jirritornaw fi djarhom u enfasizzaw l-urġenza għal tweġiba kkoordinata biex jiġu mħarsa dawn il-komunitajiet minoritarji, fejn offrew pariri professjonali tagħhom fuq il-post.
Dawn l-organizzazzjonijiet ta’ Karità Kattolika huma l-akbar kontributuri għall-preservazzjoni tal-95,000 refuġjati interni li għad fadal fit-Tramuntana tal-Iraq.