€300 mediċina tajba mormija fit-triq

Ritratt li rċievejna fuq info@newsbook.com.mt , juri ammont mhux ħażin ta’ mediċini mormija fi triq f’B’Kara.

Il-persuna li bgħatitilna r-ritratt, u inzertat taħdem fil-qasam tal-farmaċewtika, qaltilna li skont id-data ta’ fuq il-kaxxa, il-mediċini ma kinux skaduti u b’kollox jammontaw għal madwar €300.

Kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qalilna li minkejja ma tantx ikollhom rapporti ta’ mediċina mormija barra t-triq, xorta waħdu huma konxji tal-abbuż mill-mediċini.

Semmielna li ħafna mill-każi ta’ abbuż jindunaw bihom meta jmut pazjent li jkun jingħata pirmli b’xejn. Dan għaliex, wara mewtu, il-familjari jmorru jagħtu lura ammont kbir ta’ mediċina. Jidher li xi nies jibqgħu jieħdu mediċina b’xejn minkejja li jkunu fiequ mill-kundizzjoni.

Mistoqsi xi jsir mill-mediċina rritornata lura, il-kelliem qal li din tintrema , fl-inċenteratur tal-Marsa. Aċċertana li ebda mediċina ma terġa’ tingħata lura.

Fil-preżent hemm madwar 120,000 persuna li huma intitolati għal 1,300 mediċina b’xejn. Għall-mediċini b’xejn jintefqu €69 miljun fis-sena.

Mediċini li jingħataw f’każ ta’ ħajja jew mewt, bħal dawk kontra l-kanċer jingħataw b’xejn lil kulħadd minħabba li jiswew il-flus.

catherine@newsbook.com.mt