€30 miljun għall-bini ta’ Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid

Il-Ministru tal-Finanzi, fid-Diskors tal-Baġit ħabbar li ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-bini ta’ ċentru tas-saħħa reġjonali f’Raħal Ġdid b’nefqa ta’ madwar €30 miljun li se jkun kofinanzjat minn fondi Ewropej.
Flimkien miegħu se jkun hemm ċentru ta’ servizzi għall-familji u faċilitajiet residenzjali fil-komunità għall-persuni b’diżabilità. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet kummerċjali u parkeġġ.
Fakkar li għaddej ix-xogħol fuq is-sħubija bejn il-Gvern u l-privat għall-iżvilupp ta’ sptar ġdid f’Għawdex flimkien ma’ Bart’s Medical School li se toffri servizz mill-aqwa għall-Għawdxin mingħajr ma jkollhom jinżlu Malta.
Qal ukoll li se jiġi żviluppat mill-ġdid Karin Grech fi sptar ta’ 320 sodda għall-anzjani. Tmenin sodda tar-riabilitazzjoni se jkunu allokati għall-Gvern. Se jiġi żviluppat ċentru ġdid tad-dermatologija bi 12-il sodda inpatient.
Il-Ministru qal li se tkompli d-diskussjoni dwar il-liġi tal-IVF. Dan waqt li din is-sena beda jingħata s-servizz tal-IVF minn Mater Dei u fl-2015 dan is-servizz se jkun ingħata lil 200 koppja.