€30 miljun fi proġetti ffinanzjati mill-iżviluppaturi

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li madwar €3 miljun intefqu fi proġetti f’lokalitajiet bi flus iffinanzjati mill-iżviluppaturi fil-forma ta’ planning gain.
Huwa qal li hemm madwar €27 miljun oħra diġà kommessi.
Skont l-Att dwar l-Iżvilupp, l-iżviluppaturi ta' proġetti kbar iridu jikkontribwixxu għall-proġetti pubbliċi biex jagħmlu tajjeb għall-inkonvenjent li nħoloq mill-iżvilupp f’dik l-istess lokalità.
Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Ministru qal li fost il-proġetti li diġà saru mill-planning gain hemm il-Mużew tal-ferrovija f’Birkirkara, il-kostruzzjoni ta’ reservoir u funtana fil-Marsa, tisbiħ taż-żona ta’ Qui-Si-Sana fejn sar il-proġett, tisbiħ fil-blokok ta’ appartamenti u spazji miftuħa f’Ħal Luqa kif ukoll tisbiħ ta’ Pjazza Kappillan Mercieca fil-Ħamrun.