€30 għal prodotti mingħajr glutina… il-kont jitla’ iktar minn €90

B’rabta mat-tqassim ta’ vouchers ta’ €30 fix-xahar lil dawk li għandhom kundizzjoni ta’ intolleranza għall-prodotti ta’ dqieq u glutina, Newsbook.com.mt għamel riċerka fuq il-prezzijiet li wieħed isib fis-suq u dwar il-valur effettiv li t-€30 fix-xahar se jkollhom fuq dawn il-prodotti.
Kif inhi il-prattika bħalissa, persuni li huma ‘coeliac’ jiġifieri li ma’ jistgħux jikkunsmaw prodotti li fihom il-glutina, huma intitolati għal: 5.5Kg dqieq, 2.5Kg għaġin, 1.6Kg gallettini, 2.25Kg galletti jew ‘crackers’ u 2.4Kg ħobż fix-xahar.
Meta wieħed iqabbel il-prezzijiet ta’ prodotti magħmulin apposta mingħajr glutina, wieħed isib li hemm qabża ta’ kważi iktar minn ħames darbiet iżjed fil-prezz minn prodotti li fihom id-dqieq u l-glutina.
Bl-allokazzjoni massima fix-xahar li semmejna, u bil-prezzijiet kif maħruġa minn diversi stabbilimenti madwar Malta, huwa kkalkulat li l-ispiża fix-xahar għal dawn il-prodotti titla’ għal madwar €92 b’kuntrast mat-€30 li se jibdew jingħataw minn Frar li ġej f’forma ta’ voucher lil min huwa milqut minn din il-kundizzjoni.
Persuni li għandhom din il-kundizzjoni qalu ma’ Newsbook.com.mt li s-sistema ta’ vouchers hija fil-kunċett tagħha waħda tajba għax tagħti iktar għażla vasta ta’ prodotti u diversità minn fejn wieħed jagħżel li jixtri u jqabbel il-prezzijiet. Madankollu l-istess persuni qalu li l-ammont li se jingħata huwa baxx meta mqabbel mal-prezzijiet.
Waħda minn dawn il-persuni argumentat li waqt li għall-kundizzjonijiet oħra, wieħed jista’ jieħu l-mediċina bit-tama li joħroġ mill-kundizzjoni, persuni li huma intollerranti għall-glutina m’għandhom l-ebda tip ta’ medikazzjoni li jistgħu jieħdu. L-unika soluzzjoni għal saħħithom hija dik li jikkunsmaw prodotti speċjalizzati.