€3 miljun kull xahar biex jiġu salvati l-immigranti mill-baħar

Mix-xahar id-dieħel mistennija tibda l-operazzjoni l-ġdida tal-Frontex bl-isem ta’ Triton.
Din l-operazzjoni se ssir flimkien mal-Awtoritajiet Taljani biex tgħin u tassisti immigranti irregolari li jkunu fil-Mediterran fi triqithom lejn l-Italja.
Huwa mbassar li Triton se tiġi tiswa mat-€3 miljun kull xahar u se tkun l-ikbar operazzjoni marittima ta’ siġurtà għall-Frontex.
F’Diċembru huwa mistenni li Triton tirċievi €20 miljun oħra. Il-Kummissjoni Ewropea tinsab f’negozjati biex isiru operazzjonijiet oħra simili ma’ Malta, Spanja, Franza u l-Greċja.
Kien il-Gvern Taljan li appella kemm il-darba lill-Kummissjoni biex l-Unjoni Ewropea tibda tħaddem l-operazzjoni Taljana Mare Nostrum, iżda Triton mhix se tieħu post il-ħidma Taljana iżda se tikkumplimentaha.
Għat-Triton se jintużaw żewġ ajruplani, tliet patrol boats u żewġ bastimenti Taljani.
Dawn l-ajruplani se jduru żona li testendi sa’ 30 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Taljana.
Dan biex id-dgħajjes bl-immigranti jiġu nterċettati qrib tal-kosta Libjana.
Il-Frontex qed titlob lill-pajjiżi membri biex jallokaw mat-30 uffiċjal biex jassistu lill-Italja mal-wasla tal-immiganti fi Sqallija.
Mill-bidu tas-sena, bl-operazzjoni Mare Nostrum ġew salvati 91,000 immigrant.
F’medda ta’ għaxar xhur fl-Italjan waslu 120,000 immigrant filwaqt li 3,000 oħra mietu fil-baħar waqt il-vjaġġ.
Mare Nostrum bdiet wara t-traġedja ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet meta 368 immigrant mietu mgħarrqa daqs 200 metru ‘l bogħod mill-kosta ta’ Lampedusa.