€3.4m se jitqassmu lil 400 investitur li ngidmu mill-bejgħ ta’ fond

L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta qatagħha li inġustament 400 investitur sofrew danni kapitali, u se jingħataw lura €3.4m, apparti l-imgħax legali ta’ 8% mid-data li saru l-ilmenti mal-arbitru.
Il-każ jittratta l-bejgħ tal-La Valette Property Fund mill-BOV lil dawn l-investituri, meta fl-2005 twaqqaf il-fond, iżda kellu jiġi xolt fl-2012 għax kien mar ħażin.
L-investituri argumentaw li dan it-telf kien riżultat ta’ negliġenza, mhux biss riżultat ta’ prattiċi ta’ bejgħ żbaljati kif inbiegħ il-Property Fund, iżda skonthom ukoll għall-mod kif ġie ġestit il-bejgħ minn Valletta Fund Management Ltd, għax qalu li numru kbir ta’ fondi li fihom investa l-La Valette Property Fund kienu jiksru l-Investment Restrictions tal-Prospett tal-Fond għal dak li jirrigwarda l-gearing tal-fondi sottostanti.
Sostnew li dawn il-prattiċi żbaljati kienu hemm sa mill-bidu tal-fond, jiġifieri mill-2005, u appuntu l-ksur tal-Investment Restrictions li kkawżaw it-telf tal-fond.
L-ilmentaturi kienu wkoll qed jilmentaw dwar il-mod skorrett kif l-istess BOV, fil-kwalità tiegħu ta’ Kustodju tal-Fond, li kellu jgħasses lill-investituri ż-żgħar u jiżgura li kollox kien qed isir kif suppost, spiċċa żvija lill-investituri meta mhux biss ma rrapporta l-ebda ksur tal-Investment Restrictions, iżda rraporta li kollox sar kif suppost.
Dawn l-investituri li ħassewhom li ngidmu argumentaw li l-offerta tal-BOV ta’ €0.75 kull sehem ta’ Mejju 2011, ftit ġimgħat qabel ma l-MFSA ħarġet sanzjonijiet ċari kontra l-BOV u l-VFM, kienet insuffiċjenti u ma kinitx torbothom għal varji raġunijiet li joħorġu mill-Liġi Komunitarja li tikkonċerna lill-Konsumatur, u dan peress li din l-offerta kienet dokument prefissat esklussivament mill-BOV u l-VFM, bla ebda parteċipazzjoni minn naħa tal-Ilmentaturi.
Għalhekk l-Ilmentaturi ma kellhomx triq ohra ħlief li jaċċettaw l-offerta, anke jekk huma qatt ma setgħu jieħdu deċiżjoni infurmata, anke għaliex ir-Rapport tal-MFSA lanqas kien waslilhom. Daqstant ieħor kien insuffiċjenti kumpens ulterjuri ta’ €0.25 kull sehem lil sezzjoni ta’ investituri fil-Fond f’Jannar 2013.
Finalment, l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji kkonkluda li l-provdituri tas-servizz għandhom ikunu konxji li ħafna mill-Ilmentaturi huma nies avvanzati fl-età u ilhom jistennew dan il-ħlas għal ħafna snin. Il-provdituri tas-servizz huma operaturi kbar fis-suq lokali u biegħu il-La Valette Multi Manager Property Fund fuq skala estensiva, u ġew affettwati ħafna klijenti żgħar u għalhekk għandhom iġorru r-responsabilità soċjali taghħom.
"Qed nevalwaw id-dettalji tad-deċiżjoni" – BOV
Il-Bank of Valletta rreaġixxa fi stqarrija, meta qal li filwaqt li nnota d-deċiżjoni tal-arbitru, se jevalwa d-dettalji tagħha, u se jiddiskuti dwar azzjonijiet xierqa fl-aħjar interess tal-bank.
“Deċiżjoni frott it-twaqqif tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji” – il-Gvern
Sadanittant, il-Gvern laqa’ d-deċiżjoni tal-arbitru, u fi stqarrija żied jgħid li did-deċiżjoni ma setgħetx tittieħed kieku ma twaqqafx l-Uffiċċju tal-Arbitru li ta l-possibbiltà lill-investituri biex jirrikorru għal dan il-mezz ta’ protezzjoni u reviżjoni.
Temm jawgura li jittieħdu l-miżuri kollha biex il-każ jingħalaq b’mod mgħaġġel u meqjus.