€3.4 miljun għall-iskejjel tal-Istat

Din is-sena l-Gvern se jkun qed jgħaddi €3.4 miljun lill-iskejjel tal-Istat għas-servizzi edukattivi. 
Ċifri mogħtija mill-Ministru tal-Edukazzjoni fil-Parlament juru kif id-69 skola primarja u t-32 skola sekondarja se jingħataw €1.9 miljun u €1.5 miljun rispettivament biex imexxu l-programmi edukattiv tagħhom. 
Skont il-lista tal-iskejjel mogħtija, l-Higher Secondary Giovanni Curmi tan-Naxxar għandha l-ikbar baġit b’total ta’ €140,200 u rat żieda €18,000 mill-baġit tal-2017.
L-iskola sekondarja tal-Kulleġġ Santa Kjara ngħatat €90,000 waqt li l-iskola sekondarja taż-Zejtun li tifforma parti mill-kulleġġ San Tumas More qed tingħata €84,487.
L-ispiża għall-iskejjel primarji hija iżgħar minħabba l-kurrikulu kopert fl-edukazzjoni primarja. Madanakollu, l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar li tifforma parti mill-kulleġġ ta’ Maria Reġina qed tingħata kważi €60,000. 
Il-Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.