€3.3 miljun biex 300 jidħlu fis-suq tax-xogħol 

Il-Gvern nieda propett li bih se jkun qed jgħin mat-300 persuna vulnerabbli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dan il-proġett ta’ €3.3 miljun huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-Fond Soċjali Ewropew
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia nedew il-proġett INK li ser iservi biex tkompli tissaħħah l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u biex dawn jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 
Dan il-proġett mistenni jibbenefikaw minnu mat-300 persuna bi bżonnijiet speċjali, 450 membru tal-familja tagħhom, kif ukoll nies li jħaddmuhom.
Dan il-proġett ser ikun qed jiġi implimentat mill-Aġenżija Sapport. Imsieħba f’dan il-proġett hemm ukoll il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà (CRPD) bħala regolatur u l-organizzazzjoni Irlandiża KARE.
Matul it-tliet snin tal-proġett huwa maħsub illi madwar 80 parteċipant imorru l-Irlanda għal studju fejn jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-imsieħba tal-proġett fl-Irlanda u b’hekk jiġi nkoraġġit il-peer learning.
Fejn se jintużaw €3.3 miljun?
Permezz ta’ dan il-proġett li hu ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew ser:

  1. jinfetħu 6 ċentri, li wieħed minnhom huwa f’Għawdex, biex nies bi bżonnijiet speċjali ikunu jistgħu jingħataw aktar għajnuna;
  2. jingħata taħriġ lil nies b’diżabbiltà, lill-familji tagħhom u lil min iħaddem;
  3. ikun hemm kampanja li tinkludi programmi tat-televiżjoni u radju;
  4. jingħata rikonoxximent biex jiġu inċentivati kemm il-benefiċċjarji kif ukoll min iħaddem fuq l-involviment dirett u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;
  5. jingħataw pakketti t’informazzjoni differenti.