€28,000 multa għal kumpanija b’attitudni ‘xejn serja’ lejn is-sigurtà tal-ħaddiema

Kumpanija tal-kostruzzjoni ġiet immultata b’kollox €28,000 minħabba nuqqas ta’ prekawzjonijiet u tagħmir għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li wassal biex żewġ ħaddiema jsofru ġrieħi gravi.
Id-diretturi ta’ Asfaltar Ltd, John, Paul u Ian Magro, kif ukoll il-foreman Melvin Ellul, ġew ordnati mill-Qorti jħallsu €7,000–il ras wara li ħallew scaffolding jintuża mill-ħaddiema li ma kienx wieqaf skont regoli stabbiliti.
Il-każ imur lura għall-14 ta’ Jannar ta’ sitt snin ilu, meta ż-żewġ ħaddiema, Goran Vugodonavic u Branko Trisic, kienu qed jaħdmu fuq il-binja tal-ICT fl-Università ta’ Malta meta waqgħu minn fuq l-iscaffolding.
Wieħed mill-irġiel spiċċa kiser spalltu, l-għadam ta’ kuxxtejh u xi kustilji, filwaqt li l-ieħor ukoll kiser xi kustilji, xi għadam minn qaddu u tbeġil fil-pulmun.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Danoatella Frendo Dimech, instema’ li l-kumpanija kienet diġà twissiet ftit jiem qabel l-inċident dwar nuqqasijiet ta’ tagħmir preventiv fuq il-post tax-xogħol.
Fejn kienu qed jaħdmu ż-żewġt irġiel, la kien hemm apparat tal-ewwel għajnujna, kien hemm ħafna trab mhux ikkontrollat, xejn ħwejjeġ protettiv, krejn li ma kellux ċertifikazzjonijiet, u nuqqas ta’ rbit u protezzjonijiet oħrajn għal meta tkun qed taħdem fil-għoli. Instema’ li l-ħaddiema kellhom jitilgħu fuq ħajt biex iwettqu xogħolhom, għax l-iscaffolding lanqas kien għoli biżżejjed.
Il-Maġistrat innutat l-attitudni xejn serja tal-kumpanija lejn is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħha, u tat is-sentenza kif imsemmi.
Ritratt: Arkivji