€260,000 mill-PM għal 2 MPs u 2 kandidati Laburisti

Żewġ membri parlamentari u żewġ kandidati Laburista ngħataw b’kemm jiswew €260,000 f’konsulenzi mill-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ippubblika informazzjoni mitlub mid-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg għall-mistoqsija parlamentari fuq il-konsulenzi legali mitluba mill-uffiċċju tal-Prim Ministru lill-entitajiet privati.
L-ikbar benefiċarju kienet l-eks membru parlamentari Deborah Schembri li tħallset is-somma totali ta’ €106,000. 
Id-deputati Manuel Mallia u Edward Zammit Lewis kien fost il-konsulenti legali tal-Prim Ministru waqt li Dr Robert Abela kien ukoll imniżżel bħala konsulent bla ħlas.
L-eks kandidat Laburista Alex Sciberras u d-ditta legali ta’ Pawlu Lia, l-avukat tal-Partit Laburista kienu wkoll fost il-konsulenti.
L-avukat tal-General Workers’ Union Aaron Mifsud Bonnici u l-eks Kap tas-Central Visa Unit Neil Harrison kien ukoll fil-lista.
Il-Prim Ministru ddefenda l-għażla tiegħu billi qal li għażla ta’ dawn il-persuni saret bl-istess mod li qabel l-2013 kienu jiġu magħżula ditti legali biex jagħtu konsulenza legali lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Spjega li taħt amministrazzjoni preċedenti kien hemm involuti l-Kap tal-Oppożizzjoni attwali u l-Kap tal-Oppożizzjoni preċedenti u bl-istess mod li mill-inqas membru parlamentari tal-Oppozizzjoni kien intagħżel bħala konsulent legali għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel l-2013 fl-istess waqt li kien President tal-PN.