€25 lil kull familja li damet iktar minn 12-il siegħa bla dawl

Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi ħabbar li l-Gvern se jagħti €25 lil kull familja li l-ġimgħa li għaddiet qattgħet iktar minn 12-il siegħa mingħajr provvista tal-elettriku.
F'konferenza tal-aħbarijiet fiċ-ċentru ta' distribuzzjoni tal-Enemalta fil-Marsa, il-Ministru Mizzi qal li dan ġie deċiż fil-laqgħa tal-Kabinett li tlaqqgħet dalgħodu. 
Huwa mistenni li minn din il-miżura se jibbenefikaw madwar 8,000 familja. 
Konrad Mizzi qal li għalkemm il-Gvern mhux marbut li jagħti kumpens f'dawn iċ-ċirkostanzi, iħoss li sitwazzjoni bħal din mhix aċċettabbli. 
Dwar kumpens lin-negozji, il-Ministru Konrad Mizzi qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iħabbar proposti dwar kif l-Enemalta tista' tkun aktar qrib tan-negozjanti.
Dan wara li ssir konsultazzjoni man-negozji u rappreżentanti tagħhom, li fl-aħħar jiem ressqu għadd ta' proposti lill-Gvern.
Fil-jiem li ġejjin mistennija jiġu konklużi l-miżuri temporanji fiċ-ċentru tal-Marsa sabiex il-provvista tal-elettriku fil-lokalitajiet dipendenti minn dan iċ-ċentru, tkun aktar sigura.