​€25,000 għar-riġenerazzjoni ta’ propjetà battala

Il-Gvern se jkun qed jagħti massimu ta’ €25,000 lis-sidien ta’ postijiet battala li huma lesti jirranġaw din il-propjetà.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li taħt din l-iskema li daħlet fis-seħħ it-Tlieta, il-propjetà rinnovata mbagħad tinkera għal għaxar snin lill-Awtorità tad-Djar biex tintuża bħala akkomodazzjoni soċjali. Qal li matul l-għaxar snin, il-Gvern se jkun qiegħed iħallas kera lis-sid kull sitt xhur bil-quddiem.
Fi kliem Galdes, din “hija miżura konkreta li għandha l-għan li tassisti sidien biex jerġgħu jagħmlu abitabbli propjetajiet li ġew abbandunati matul is-snin.” Qal li  b’hekk mhux biss se tkun qed tingħata l-ħajja lura lil propjetà rieqda, iżda jkun qed isir “użu minn riżors eżistenti biex tiżdied l-provvista ta’ units għall-akkomodazzjoni soċjali”.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-għotja għar-restawr se tingħata għal xogħol meħtieġ biex il-propjetà tiġi konvertita f’livell aċċettabbli u abitabbli. Ix-xogħlijiet jinkludu tiswijiet strutturali straordinarji, xogħlijiet fuq sistemi ta’ dawl, ilma u drenaġġ, soluzzjonijiet permanenti kontra l-umdità, restawr ta’ faċċati, u tiswija jew bdil ta’ kamra tal-banju, madum tal-art, aperturi, u bibien interni fost oħrajn.
Intqal li biex jiġi aċċertat li l-miżura tassew tapplika għal postijiet battala, il-propjetajiet irid ikunu ilhom mibnija minn tal-inqas 30 sena, u s-sid irid jippreżenta l-provi li l-post ikun ilu battal minn tal-inqas sena.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema tista’ tagħfas hawn.