​€23 miljun f’fondi Ewropej għall-wirt kulturali u l-enerġija f’Malta

Għadd ta’ għaqdiet mhux-governattivi u kunsilli lokali gawdew minn proġetti b’investiment totali ta’ €23 miljun li ġew minn fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia filwaqt li ħabbar dan, qal li l-proġetti jkopru setturi li jvarjaw minn ħarsien tal-wirt kulturali, storiku u ambjentali tal-gżejjer Maltin sa enerġija li tiġġedded. 
Qal li f’dan il-qasam ukoll, Malta qed tkun ta’ eżempju għall-pajjiżi Ewropej oħra, partikolarment fis-sena fejn il-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura. 
Aaron Farrugia semma kif uħud mill-proġetti jinkludu r-restawr ta’ bosta knejjes u kunventi, arti u dokumenti ekkleżjastiċi antiki, il-ħarsien ta’ opri artistiċi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Katidral Anglikan fil-Belt Valletta. Se jiġu rrestawrati t-torrijiet tal-għassa mal-kosta fin-nofsinhar u fit-tramuntana ta’ Malta, kif ukoll l-istazzjonijiet tal-ferrovija f’Birkirara u f’Ħ’Attard. 
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia spjega wkoll li tliet proġetti jiffukaw fuq l-enerġija sostenibbli u se jitqiegħdu pannelli fotovoltajiċi fuq numru ta’ binjiet li permezz tagħhom Malta se tkun qed tilħaq l-għanijiet tagħha taħt il-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni fuq l-Enerġija Rinovabbli.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri