€225,000 fi proġett fil-wied ta’ Marsalforn

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo inawgura l-proġett li sar fil-wied ta’ Marsalforn.
Permezz ta’ dan il-proġett il-ħażna tal-ilma tax-xita fil-widien żdiedet b’madwar 53 miljun litru ta’ ilma fis-sena. 
Fil-wied ta’ Marsalforn saru bosta xogħlijiet fosthom it-tqegħid ta’ rising main ġdid tad-drenaġġ, tindif ta’ madwar 950 metru tul il-parti t’isfel tal-wied, tħawwil ta’ aktar minn 50 siġra, bini u manutenzjoni ta’ ħitan tal-ilqugħ ġol-wied kif ukoll ristrutturar tat-triq maġenb l-istess wied.
Dan bi spiza ta’ €225,000. Tnaddaf ukoll il-Wied il-Kbir ta’ San Lawrenz bi spiża  ta’ madwar €26,000.
Bħala parti mill-inawgurazzjoni saret attività edukattiva fejn studenti mill-iskejjel primarji ħadu sehem f’attivitajiet relatati max-xjenza, tħawwil ta’ siġar kif ukoll mixja tul il-wied.
Studenti tal-ħames sena, akkumpanjati mill-għalliema u LSAs tagħhom, imxew tul il-wied u ġew mgħarrfa dwar il-pjanti u s-siġar li jinsabu fl-inħawi, kif ukoll dwar l-importanza tal-wied u l-ġbir tal-ilma tax-xita.

Ritratt: MGOZ – George Scerri