€22 miljun mil-Libja f’ċentru edukattiv f’Malta

Il-Gvern Libjan se jinvesti €22 miljun f’ċentru ta’ eċċelenza tal-edukazzjoni f’Malta. 

Dan il ftehim sar bejn l-MCAST, il-Gvern Libjan u l-Gvern Malti.

Minn dan l-investiment, €750,000 se jmorru għar-ristrutturar tal-bini u t-tisbiħ tal-istess Istitut, li fih 37,000 metru kwadru u jilqa’ 250 student.

Dan apparti l-faċilitajiet tal-parkeġġ, l-uffiċċji u l-klassijiet.

L-Istitut se jkun qed jipprovdi t-tagħlim tal-lingwa Għarbija għal Maltin.

Suġġetti oħra se jinkludu l-inġinerija, l-istudji politiċi u l-midja. 

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim sar fil-Libyan Higher Vocational Institute f’Ta Ġiorni, fil-preżenza tal-Ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar.

Id-Direttur Ġeneral tal-Libyan Higher Vocational Institute qal li Malta u l-Libja għandhom relazzjoni tajba li ssaħħet aktar minn wara r-rivoluzzjoni għal-Libja.

Malta intgħażlet ukoll għal raġunijiet strateġiċi biex fil-futur Malta ssir ċentru ewlieni tal-edukazzjoni, b’hekk l-Istitut isir ċentru tal-eċċelenza fit-tagħlim u r-riċerka.