€208,477 f’kumpens talli tilfet lil bintha f’inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi

Omm ingħatat kumpens ta’ €208,477 għat-telfa ta’ bintha waqt inċident tat-traffiku fl-2005 f’Ħal Qormi.
L-inċident ġara fi Triq l-Ħammieri f’Ħal Qormi.  L-omm, Marthese Vella kienet fuq il-bankina, timbotta lit-tifla Hayley fil-pushchair meta raw karozza tiskiddja ġejja għal fuqhom.  
Hayley Anne, ta’ sentejn, mietet ftit tal-ħin wara l-inċident u l-omm qed tbati minn diżabilità permanenti.
Il-karozza kienet ta’ Joseph Azzopardi iżda la kellha liċenzja u lanqas polza ta’ assigurazzjoni.  Fil-ħin tal-inċident wara l-isteering kien hemm Karl Micallef, li kien ġab il-liċenzja xahrejn qabel u beda jaħdem bħala delivery man ma’ Azzopardi.
Bħala kumpens għad-diżabilità li sofriet, il-Qorti tat lill-omm is-somma ta’ €133,477.  Wara li semgħet il-partijiet kollha, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-omm kellha tingħata €75,000 f’danni għall-mewt ta’ bintha.
Il-Qorti ordnat lil Joseph Azzopardi u Karl Micallef biex iħallsu s-somma globali.