€200m fl-edukazzjoni sekondarja fl-2015

Il-Gvern nefaq kwazi €200 miljun fl-edukazzjoni sekondarja fl-2015, skont ċifri ġodda tal-Eurostat.
Iċ-ċifri ppubblikati llum iħarsu lejn in-nefqa tal-gvernijiet fl-Unjoni Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għall-2015, fost l-oħrajn billi jaqsam is-settur innifsu f’partijiet iżgħar.
B’kollox ġew allokati €508 miljun għas-settur edukattiv, li jfisser 13.3% tan-nefqa totali tal-Gvern fl-2015.
B’kollox, in-nefqa tal-Gvern għall-edukazzjoni kienet ta’ 5.5% tal-PGD. Il-medja Ewropea hija 4.9%.
Is-settur li jsegwi dak sekondarju fin-nefqa hu dak primarju, b’€128 miljun, imbagħad is-settur terzjarju bi €88 miljun.
Nefqiet oħra jinkludu dawk għar-riċerka u l-iżvilupp, għas-servizzi sussidjarji u għall-edukazzjoni postsekondarja.
L-aktar pajjiżi li nefqu f’das-settur huma d-Danimarka, l-Iżvezja u l-Belġju, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra tal-iskala hemm l-Italja, l-Irlanda u r-Rumanija.