€20,000 aktar fix-xahar għall-Air Malta minkejja r-ristrutturar – PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-partit jinsab imħasseb dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, minħabba li t-telf li qed tagħmel mhux konformi mal-pjan ta’ ristrutturar, maqbul mill-Gvern Malti mal-Kummissjoni Ewropea.
Waqt laqgħa li kellu mal-ogħla uffiċjali tal-Federated Association of Travel and Tourism Agents (FATTA), Dr Busuttil qal li l-oppożizzjoni hi mħassba serjament dwar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru fuq il-privatizzazzjoni tal-Air Malta. Appella lill-Gvern biex jagħmel l-affarijiet b’mod trasparenti.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-FATTA, Iaian Tonna wkoll esprima t-tħassib tiegħu u tal-assoċjazzjoni dwar dak li qed jiġri fl-Air Malta.
Sadanittant, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tal-PN għat-Turiżmu Robert Arrigo qal li l-Gvern għandu jieqaf jilgħab bil-futur tal-impjegati tal-linja tal-ajru.
Fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur l-Air Malta impjegat 300 persuna iżjed u 17-il persuna ngħataw promozzjoni, li jammontaw għal €20,000 iżjed fix-xahar, fin-nefqa tal-kumpanija.
Reazzjoni PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li hi ipokrezija politika min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, li qed jinsa li kieku l-affarijiet kienu sew fiż-żmien li kien fil-Gvern, l-istess Air Malta ma kienx ikollha bżonn ta’ pjan ta’ ristrutturar.
Il-Partit Laburista spjega li għalkemm l-Air Malta din is-sena rreġistrat telf ta’ €16.2 miljuni, dan kien imnaqqas bin-nofs, minn €30.9 miljuni.  Qal li dan ifisser li jidher li t-triq li qabdet l-Air Malta hija waħda tajba. 
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis jirrimarka li mhux minnu xejn li l-Gvern qed jagħmel xi indħil politiku fl-Air Malta, anzi qatt ma kien hemm żmien li l-Air Malta tħalliet taħdem bil-mod seren li qiegħda taħdem bih illum.
Qal li dan jixhduh l-istess numru ta' ħatriet li saru fl-Air Malta ta' persuni kompetenti li ċertament mhumiex magħrufa bħala qrib il-Partit fil-Gvern.