€2 miljun jingħataw minn din il-ġimgħa għat-tariffi feed-in

Il-kumpanija Enemalta, u dik sussidjarja tagħha Arms Ltd, din il-ġimgħa se jkunu qed joħorġu b’€2 miljun fi ħlasijiet lill-klijenti li applikaw għall-proċedura l-ġdida dwar it-tariffi feed-in.
Is-sistema, introdotta f’Jannar, toffri iktar effiċjenza u kumdità biex il-klijenti jgawdu mill-investiment li jkunu għamlu.
Il-klijenti jirċievu l-bilanċ tal-flus dovuti lilhom b’mod awtomatiku, wara li jitnaqqsu l-ammonti fil-kontijiet. Il-flus jiġu depożitati direttament fil-kont tagħhom fil-bank u jirċievu SMS b’notifika.
L-Enemalta qalet li iktar minn nofs dawk eliġibbli, li huma 9,000, diġà applikaw għal din is-sistema u minn din il-ġimgħa se jibdew jirċievu l-ħlasijiet mingħajr ma japplikaw għalihom.
Aktar tagħrif jinkiseb mingħand Arms Ltd permezz tas-servizz bit-telefon bla ħlas 8007 2222 jew b’email fuq customercare@arms.com.mt, inkella mis-siti elettroniċi www.enemalta.com.mt jew www.smartutilities.com.mt.