€2 miljun f’fondi għall-awtoritajiet nazzjonali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ħabbru €2 miljun f'fondi taħt il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-awtoritajiet nazzjonali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Aaron Farrugia qal li l-proġetti li qed jiġu mħabbra jindirizzaw ir-riformi li Malta se tkun qed tagħmel ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Aaron Farrugia qal li għalkemm dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex mandatorji, Malta xorta waħda għaddejja bil-ħidma f’dan l-aspett.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-fondi pprovduti huma:

  • Biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiddisinjaw riformi skont il-prijoritajiet tagħhom
  • Biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex dawn itejbu l-kapaċità tagħhom biex jifformulaw, jiżviluppaw u jimplimentaw politiki ta’ riformi
  • Biex jiġu assistiti l-awtoritajiet nazzjonali biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-immaniġġjar tar-riżors uman

Aaron Farrugia spjega li fl-2017, Malta bbenefikat minn €975,000 li nqasmu bejn tlettax-il proġett. Is-Segretarju Parlamentari Farrugia żied jgħid li Malta issa assigurat €1 miljun oħra għal seba’ inizjattivi ġodda li se jittieħdu minn awtoritajiet nazzjonali taħt it-tieni sejħa tal-programm.
L-inizjattivi f’dan ir-rigward jinkludu t-titjib tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, appoġġ fl-identifikazzjoni ta’ early school leavingcapacity building fis-settur diġitali fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, riformi fi ħdan is-settur tal-prokurament pubbliku u anke d-diġitalizzazzjoni tas-industrija marittima.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li permezz tal-fondi mħabbra se jitwettqu aktar proġetti li permezz tagħhom is-Servizz Pubbliku se jsir iżjed effiċjenti u jkun promotur ta’ sistemi u metodi li bihom jintlaħqu miri bħal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, u servizz dejjem imtejjeb għall-klijenti.
Hu żied jgħid li permezz tal-fondi tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali se jitwettqu mal-20 proġett li permezz tagħhom se jkompli jitjieb is-servizz mogħti lill-klijenti tas-Servizz Pubbliku.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott