€2 ġdida tfakkar il-200 sena tal-Korp tal-Pulizija

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta Josef Bonnici ppreżenta lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit, munita kommemorattiva taż-€2 biex ifakkar il-200 anniversarju  mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, għażla ta’ memorabilia mill-Mużew tal-Pulizija, tinsab għall-wiri fil-bini prinċipali tal-Bank Ċentrali. Il-wirja hi miftuħa għall-pubbliku matul il-ħinijiet tal-uffiċċju tal-Bank u se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju.
Fuq wara, il‑munita turi s‑simbolu komuni taż‑€2, filwaqt li l‑faċċata ta’ quddiem turi l‑emblema tal‑Korp tal‑Pulizija ta’ Malta. Il‑faċċata ta’ quddiem tal‑munita kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. Il‑munita se tinħareġ f’verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed.
Il‑Bank se jikkuntattja lil dawk kollha li diġà għamlu l‑ordni tagħhom biex jinfurmahom bl‑allokazzjoni tagħhom, kif se jħallsu u l‑ġranet meta jkunu jistgħu jiġbru l‑muniti tagħhom mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.
Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku għandu jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat imejl fuq mcdc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq 2550 6006/7.