€2,500 wara t-tieni ġibda tal-ajruplan DHL Express

Fondi miġbura waqt it-tieni ġibda tal-ajruplan DHL Express għall-Istrina, li saret fid-19 ta’ Marzu 2015, ingħataw lill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju, 2015, fil-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard.
Delegazzjoni magħmula minn Charles Schiavone, Country Manager ta’ DHL Express Malta, Orlando Bonnici, President tal-Phoenix Sports Club, u Gordon Buhagiar, President tas-Sezzjoni tal-Basketball tal-Phoenix Sports Club, taw id-donazzjoni lill-kampanja Solidarjetà bl-Isports li għadha kemm ġie stabbilita. Din tiġbor flimkien il-ġbir ta’ fondi tal-assoċjazzjonijiet sportivi kollha f’Malta u Għawdex.
Il-kampanja, li kienet magħrufa qabel bħala Sports mill-Qalb, issa qegħda fis-sitt sena. Is-sena l-oħra, din il-kampanja, li twaqqfet minn Oswald Tanti, voluntier, flimkien ma’ Julie Busuttil, Tessie Bonello u l-Kaptan Jonathan Borg, ġabret €65,000 għall-Malta Community Chest Fund. Din is-sena, il-Core Group tal-kampanja se tkun immexxija minn Emmanuel Peresso u għandha miri iżjed ambizzjużi.
Solidarjetà bl-Isports ġiet ristrutturata u mhux biss se tinvolvi iktar assoċjazzjonijiet u klabbs tal-isports, iżda ħatret ukoll 60 Ambaxxatur tal-Isport biex jikkordinaw il-ġbir ta’ fondi.
Biex tagħti xi ħaġa lura lil dawk li jikkommettu ruħhom biex jiġbru fondi għall-MCCF, il-kampanja bi ħsiebha tieħu numru ta’ inizjattivi, fosthom Sports Expo fuq skala kbira biex tħajjar in-nies biex jidħlu membri f’dawn l-assoċjazzjonijiet u klabbs.
Charles Schiavone qal li “ninsabu sodisfatti mmens li nġabru €2,500 waqt it-tieni avveniment fejn inġibed ajruplan DHL Express Boeing 757-200 Freighter numru ta’ drabi fuq medda ta’ 20 metru fil-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi. Din is-somma kienet iktar minn dik miġbura s-sena l-oħra. Issa nistgħu ngħidu li l-avveniment tal-ġibda tal-ajruplan DHL Express sar annwali biex nigbru fondi għall-MCCF.”
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt