€186,000 mill-paga ta’ Joseph Cuschieri għall-karità

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri ħabbar li jekk jiġi elett fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, f’perjodu ta’ 5 snin se jagħti €186,000 lill-karità, jew €3,100 kull xahar.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Joseph Cuschieri nieda proposta, li qal li l-għan tagħha hu li jrodd lura ftit minn dak li s-soċjetà provdietlu tul is-snin.
Tkellem dwar tfulitu u l-esperjenzi li sawwruh meta kien għadu tifel fl-istitut u l-mod li bih ġie msawwar il-karattru tiegħu u mis-sorijiet u l-ġenituri li rabbewh.
Cuschieri sostna li jemmen li l-politika għandha tmur lil hinn mill-manifesti elettorali, slogans politiċi u l-voti fl-elezzjonijiet u għandha tpoġġi fiċ-ċentru tagħha lin-nies.
Saħaq li jikkommetti ruħu, li jekk kemm-il darba jkollu l-privileġġ li għall-mandat li jmiss jerġa’ jservi lill-poplu Malti, nofs is-salarju tiegħu ta’ MEP, kull xahar se jibda jmur f’fond imwaqqaf apposta.
Spjega li dan il-fond se jkun jgħin lil għaqdiet u kawżi filantropiċi, familji u individwi fil-bżonn u għaqdiet volontarji fosthom dawk sportivi, soċjali, kulturali u oħrajn.