€180,000 għal tħaddir f’6 komunitajiet

Sitt kunsilli lokali se jibbenefikaw mill-proġett ‘Tħaddir tal-Komunitajiet’ ta’ din is-sena, b’allokazzjoni ta’ €180,000. 75% tal-fondi ser jingħataw malli jiġi ffirmat il-ftehim u 25% tal-fondi jingħataw mat-tlestija tal-proġett.
Il-kunsilli lokali li ntagħżlu din is-sena huma l-Pietà, Ħal Qormi, Ħaż-Żabbar, l-Imdina, s-Swieqi u Sannat f’Għawdex.
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera sostna li bil-ftehim li ġie ffirmat ġiet mwettqa wegħda tal-Budget 2018.
B’kollox, mill-bidu ta’ dan il-proġett fl-2014 ibbenefikaw 27 kunsilli lokali u ġew allokatti kważi €900,000. 
Fil-Pietà se jitħawlu 23 siġra u 734 arbuxella u se jiġu mħawla fi Ġnien Villa Frere, quddiem il-knejjes, fi Triq id-Duluri u fi Triq l-Orsolini fost siti oħra.
F’Ħal Qormi se jitħawlu 26 siġra u 629 arbuxella f’diversi siti fosthom f’Ta’ Farsina, Triq Fontanier, quddiem il-knejjes u Ġnien Ġorġ Zammit.
F’Ħaż-Żabbar se jitħawlu 71 siġra u 2,612-il arbuxella f’diversi siti fosthom fi Triq ic-Cikas, Triq ix-Xagħjra, Triq Luigi Catania u Triq Erminia Cilia Abela.
Fl-Imdina se jitħawlu 10 siġriet u 1,315-il arbuxella f’Triq Mario Galea Testaferrata, Triq il-Karrijiet, Triq l-Għarreqin u Ġnien Howard fost siti oħra.
Fis-Swieqi se jitħawwlu 74 siġra u 612 il-arbuxella fit-Triq tal-Ibrag, Pjazza Uqlija, Triq is-Slielem u Ġnien F.X.Ebejer fost siti oħra.
F’Ta’ Sannat se jitħawlu 41 siġra u 12,522 arbuxella f’diversi siti fosthom Ġnien tal-Bidwi, Triq Marsilja, Triq 28 ta’ April u Pjazza Cocco Palmeri.
Il-Ministru Herrera tenna li permezz ta’ dan il-proġett bi tħawwil ta’ aktar siġar, pjanti u arbuxelli fl-urban ser titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u ta’ dawk kollha li jżuru dawn il-lokalitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis sostna li huwa ta’ unur għalih li jara inizjattivi bħal dawn li bihom jingħataw fondi lill-kunsilli lokali sabiex ikomplu jħaddru l-lokalitajiet tagħhom.