€170,000 se jintefqu f’manutenzjoni tad-djar tal-Gvern

Il-Gvern se jkun qed jinvesti €170,000 f’manutenzjoni ta’ 35 blokka residenzjali fi tmien lokalitajiet madwar Malta.
Il-lokalitajiet li fihom se jsir xogħol ta’ manutenzjoni u rinovar tad-djar tal-Gvern huma s-Siġġiewi, l-Fgura, Ħal-Luqa, Il-Birgu, Bormla, Ħal Qormi, Ħal Għargħur u l-Gudja.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar dan waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi sabiex jibdew xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinovar f’sitt blokok fil-lokalità.
Ix-xogħlijiet fis-Siġġiewi se jsiru fi blokok li qegħdin fi Triq Dun Anton Vella, Wied Ħesri, Triq Ramija u Triq Salvatore Mallia.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes iddeskriva dawn ix-xogħlijiet bħala “ferm meħtieġa li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti”. Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-manutenzjoni u r-rinovar se jkunu qegħdin jirrispettaw it-talbiet tar-residenti tal-blokok ikkonċernati.
Is-Sindku tas-Siġġiewi tgħid li s-Segretarju Parlamentari għandu jisma' mir-residenti Siġġiwin.
Intant, fi stqarrija separata mis-Sindku tas-Siġġiewi Alessia Psaila Zammit qalet li s-Segretarju Parlamentari għandu jilqa’ t-talba tar-residenti biex jitnaqqas il-bini ta’ residenzi t’akkomodazzjoni soċjali, jiżdiedu l-faċilitajiet għall-komunità u jingħata aktar spazju miftuħ li jista’ jitgawda mill-familji Siġġiwin.
Is-Sindku qalet dan wara li r-residenti urew it-tħassib tagħhom dwar l-effetti ta' żviluppi kbar ta' binijiet ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siggiewi.
Qalet, li filwaqt li tilqa’ li l-inizjattiva li ssir manutenzjoni fil-binijiet eżistenti ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, appellat lis-Segretarju Parlamentari biex jiddiskuti l-proġetti kollha ta’ żvilupp ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, inkluż dawk li għadhom se jinbnew.
Ritratt: DOI – Jason Borg