€170,000 biex tiżdied is-sigurtà fil-kmamar tan-nar

Il-Gvern ħabbar programm ta’ fondi biex tiżdied is-sigurtà tal-kmamar tan-nar. Total ta’ €170,000 se jiġu allokati għal dan il-fond fl-2018.
Il-Gvern qal fi stqarrija li l-fondiu se jkunu qed jgħinu biex dan is-settur isir aktar b’saħħtu u popolari, kemm mal-Maltin kif ukoll mat-turisti li jżuru Malta.
Il-fond se joffri finanzjament biex il-kmamar tan-nar itejbu l-infrastruttura tagħhom biex dawk li jaħdmu bħala voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’post aktar sigur, kemm waqt il-manifattura kif ukoll waqt il-ħruq tal-istess nar.
Jaħseb ukoll sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jgħinuhom itejjbu l-kwalità tal-prodott pirotekniku Malti fejn tidħol sigurtà.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li filwaqt li l-wirjiet spettakolari li jixegħlu s-sema huma msemmija għal-livell għoli ta’ artistrija u kreattività, minn wara l-kwinti jkun hemm ħafna xogħol għaddej biex jiġi żgurat li kollox jimxi sew.
Spjega li l-fond qed jitnieda qabel il-bidu tas-staġun tal-festi, biex jibda l-proċess ta’ żieda fis-sigurtà.
Qal ukoll li l-Gvern qed jiffoka l-ħidma tiegħu madwar dan is-settur permezz tal-fondi għax is-settur huwa wieħed għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin, li ta’ kull sena ħafna minnhom ikunu qegħdin jistennew bil-ħerqa li tasal il-festa.
Immaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, kull kamra tan-nar tista’ tibbenefika minn għotja sa massimu ta’ €5,000.
Dawn jistgħu jintużaw kollha għal skopijiet infrastrutturali. F’każ li jkun hemm talba għal spejjeż ta’ natura kurrenti, dawn ma jistgħux jaqbżu l-40% tat-talba u xorta waħda jridu jkunu marbutin mas-sigurtà.
Il-fond huwa miftuħ għal kmamar tan-nar liċenzjati u reġistrati bħala organizzazzjoni volontarja. F’każ li l-kamra tan-nar tkun tagħmel parti minn għaqda mużikali, din trid tkun reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja.
L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jiġu evalwati minn board ta’ evalwaturi skont il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida.
L-applikazzjonjiet jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti fil-Belt Valletta jew mis-sit elettroniku tal-Kunsill www.artscouncilmalta.org mid-19 ta’ Marzu.