€16-il miljun għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew nieda l-kampanja ta’ informazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, liema kampanja mistennija tiswa’ €16-il miljun fit-28 pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea. Hu rrappurtat li 400 miljun persuna huma eleġibli li jivvutaw filwaqt li se jintefqu €0.04 għal kull votant eleġibli.

Hekk kif tul din il-ġimgħa qed titlaqqa’ s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu, dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Presidenti Anni Podimata mill-Partit Soċjalista u Demokratiku u Othmar Karas mill-Partit Popolari Ewropew, responsabbli mill-komunikazzjoni, nehdew din il-kampanja.

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jsiru bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju. Huma ħeġġew liċ-ċittadini sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom u f’Mejju li ġej, jivvutaw.

‘Saqsi, Ipparteċipa, Agħżel’ hija l-frażi li se nisimgħu tul din il-kampanja, bl-Unjoni Ewropea qed tittama li aktar nies jiffurmaw lilhom infushom dwar l-Unjoni Ewropea u l-implikazzjonijiet tad-deċizzjonijiet fuq iċ-ċittadini.

Ta’ min jgħid li l-kampanja se tinqasam f’erba’ fażijiet. L-ewwel fażi li bdiet illum għandha l-għan li tinforma aktar lill-pubbliku. Mix-xahar id-dieħel sa Frar, il-kampanja se tiffoka fuq l-ekonomija, ix-xogħol, il-kwalita tal-ħajja, il-flus u l-Unjoni Ewropea fid-dinja. It-tielet fażi hi l-kampanja propja li tibda’ fi Frar filwaqt li r-raba’ fażi ssir wara l-elezzjonijiet meta jiġu inawgurati l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, bid-differenza li din is-sena se jkun kull ċittadin li jinfluenza min se jkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea u għalhekk jieħu post Jose’ Manuel Barroso.