€151 biljun jintilfu kull sena fl-UE minħabba frodi tal-VAT – Sant

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li kull sena l-membri tal-Unjoni Ewropea jitilfu aktar minn €151 biljun minħabba frodi tal-VAT.
Sant qal dan meta kien qed jispjega l-vot tiegħu fil-Parlament Ewropew favur mozzjoni dwar il-proposti l-ġodda tal-Kummisjoni Ewropea kontra l-frodi tal-VAT. Sant qal li dik iċ-ċifra tinkludi €50 biljun li jintilfu bis-saħħa ta’ dik li tissejjaħ carousel fraud f’kummerċ bejn stat membru u ieħor.
Sant qal li vvota favur il-proposta “għax tipproteġi d-dħul nazzjonali tat-taxxa”. Qal li tagħmel dan għax “tikkonsidra li l-uffiċċjali tat-taxxa se jipproteġu id-dħul mit-taxxa ta’ stati oħra daqs li kienu dovuti lill-istat tagħhom.”
Fi kliem Sant, kulħadd jitlef minn sistemi ta’ ġbir ta’ taxxa li ma jaħdmux tajjeb, filwaqt li attivitajiet illeċiti jiffjorixxu grazzi għal ħlasijiet nieqsa tal-VAT.