€15-il miljun għat-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika

16-il proġett ġdid se jkunu qed jieħdu fondi b’valur totali ta’ €15-il miljun sabiex tissaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika u d-djalogu soċjali.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia li spjega kif il-kwalità tas-servizz pubbliku tħalli mpatt fuq il-produttività ta’ pajjiż.
L-investiment, spjega Farrugia, huwa kofinanzjat mil-Fond Soċjali Ewropew, li qed joħroġ €11-il miljun mit-total.
Skont Farrugia, permezz tas-16-il proġett se jkunu qed jingħata taħriġ lil aktar minn 4,500 persuna li jaħdmu fis-settur pubbliku, mal-imsieħba soċjali, u NGOs.
Is-Segretarju Parlamentari semma li t-taħriġ se jsir kemm Malta, kif ukoll barra minn Malta biex ikun hemm titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema u se jkun indirizzat f’oqsma bħall-iżvilupp infrastrutturali, ir-riformi tal-gvern fejn jidħlu l-istandards fis-saħħa, awditjar, ippjanar u e-government, u anke f’oqsma speċjalizzati bħall-istatistika, kultura u anke arti.
Farrugia kompla jgħid kif dan l-investiment mistenni jsaħħaħ l-irwol u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jgħin sabiex l-effiċjenza fi ħdan is-servizz pubbliku tingħata spinta ’l quddiem. Dan, insista li jsir permezz ta’ tmexxija aħjar u utilizzazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi, simplifikazzjoni, regolamentazzjoni aħjar u capacity building għall-għaqdiet non-governattivi (NGOs) u l-imsieħba soċjali.