€15,000 multa wara li kixfu r-relazzjoni tal-President Franċiż

Qorti fi Franza ordnat lir-rivista Closer biex tħallas €15,000 lil Julie Gayet wara li kisret il-privatezza u kixfet ir-relazzjoni li kellha mal-President Franċiż Francois Hollande.
Dan wara li r-rivista ppubblikat ritratti tal-President Hollande u l-attriċi jaslu b’mod separat f’appartament f’Jannar.
Il-ħlas li l-qorti talbet hu ferm inqas mis-somma ta’ €50,000 li l-attriċi talbet bħala kumpens.
Il-qorti f’Pariġi talbet lill-istess rivista biex tippubblika din is-sentenza fil-faċċata tal-edizzjoni li jmiss.
Għalkemm kien irrifjuta li jikkummenta dwar l-allegazzjonijiet, il-President Hollande qal li kien temm ir-relazzjoni li kellu għal tul ta’ żmien ma’ Valerie Trierweiler.