€110 u time off in lieu għas-suldati wara ċ-CHOGM u s-Summit

Fl-aħħar ġranet, is-suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw allowance ta’ €110 għax-xogħol li għamlu waqt il-Valletta Summit u ċ-CHOGM matul ix-xahar li għadda.
Uħud mis-suldati iżda ħassewhom urtati għaliex filwaqt li ħadmu flimkien mal-Pulizija, għall-kuntrarju tal-membri tal-Korp, huma mhux se jitħallsu tal-overtime.
Sorsi qrib tal-Armata qalu ma’ Newsbook.com.mt li s-suldati ma jitħallsux tal-overtime iżda minflok jingħataw time off in lieu.
Dan ifisser li apparti l-allowance finanzjarja ta’ €110, il-ħin li kellhom overtime se jingħatalhom bħala leave addizzjonali.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-allowance finanzjarja se tingħata lis-suldati li kienu xogħol f’dawn l-avvenimenti irrispettivament mill-ħinijiet li għamlu.
Kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta kien qal ma' Newsbook.com.mt li kważi l-membri kollha tal-FAM kienu involuti f’ħidma b’rabta mal-Valletta Summit u ċ-CHOGM u li ġew imħaddma f’xiftijiet differenti skont il-ħtieġa u l-irwoli.
Mill-banda l-oħra, l-Pulizija iżda se jitħallsu tal-overtime li għamlu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fil-ġimagħtejn tas-Summit u ċ-CHOGM.
Sorsi qrib il-Korp li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-Pulizija qatt ma jieħdu l-ħlas tal-overtime mal-paga tax-xahar li jmiss iżda bosta xhur wara.
Qalu li ftit ġimgħat qabel iċ-CHOGM, uħud minnhom irċevew il-ħlas għall-overtime li ħadmu waqt ir-referendum tal-kaċċa.

Ritratt: AFM