€11-il miljun fuq toroq bi tħejjija għas-Summit dwar l-Immigrazzjoni u ċ-CHOGM

Il-Gvern nefaq madwar €11-il miljun f’xogħlijiet fuq toroq bi tħejjija għas-Summit ta’ Malta dwar l-Immigrazzjoni u ċ-CHOGM f'Novembru 2015.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.
Fost l-oħrajn intefqu madwar €900,000 fuq sinjali tat-traffiku. Dawn kienu jinkludu €177,475 fuq chanelization, jew marki fit-toroq li jaqsmu t-traffiku f’direzzjonijiet differenti u €642,243 fuq linji u sinjali oħra.
Il-parti l-kbira tan-nefqa kienet iddedikata lil xogħlijiet ta’ tiswijia jew kisi mill-ġdid fuq madwar 30 triq f'lokalitajiet differenti fosthom il-Birgu, il-Marsa, il-Kalkara, iż-Żejtun, Għajn Tuffieħa, il-Mosta, u Paceville, minbarra diversi arterji ewlenin madwar Malta.
Madwar €200,000 intefqu fuq tiswija ta' ħitan f'Għajn Tuffieħa, Ta’ Qali u r-Rabat.
B’kollox, in-nefqa fuq wiċċ tat-toroq u ħitan laħħqet l-€10,047,000.