€100 x’jintrebħu kuljum għal sena sħiħa

Il-GreenPak ħabbret li se tkun qed trebbaħ €100 kuljum bħala parti minn kampanja ġdida bl-isem ta’ Għaffeġ u Irbaħ (Crush and Win).
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-GreenPak Mario Schembri qal li l-għan ewlieni tal-kampanja huwa li jitnaqqas ir-rimi barra u li jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li jintrema bl-addoċċ fil-kampanja u fl-oċeani.
Schembri qal li wieħed jista’ jipparteċipa billi jikteb in-numru tat-telefon tiegħu fuq kontenitur tal-plastik li imbagħad għandu jitgħaffeġġ u jintrema f’wieħed mill-kontenituri bluni tal-GreenPak li jinsabu f’diversi postijiet madwar Malta.
Skont il-GreenPak, il-kumpanija kuljum se tkun qed tagħżel wieħed minn dawn il-fliexken jew kontenituri u tavża lir-rebbieħ li mbagħad jista’ jiġbor €100 fi flus.
Il-Kap Eżekuttiv qal li filwaqt li l-ippakkettjar fil-plastik huwa essenzjali għall-preservazzjoni tal-ikel u x-xorb, dan mhux qed jintuża tajjeb. Kompla jgħid li hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jonqos ir-rimi barra.
Fi stqarrija, il-GreenPak qalet li skont l-aktar ċifri riċenti, madwar 60,000 tunellata ta’ materjal li jintuża għall-ippakkjar jilħaq is-suq lokali kull sena, u 32% tal-kontenituri tal-plastik jiġu riċiklati.
Waqt id-diskors tiegħu fil-konferenza Our Ocean li saret f’Malta f’Ottubru li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-Gvern se jkun qed jintroduċi skema li permezz tagħha persuna li tirritorna l-fliexken tax-xorb se tibda’ tingħata kumpens.
F’messaġġ għall-parteċipanti tal-istess konferenza, il-Papa Franġisku kien qal li huwa d-dmir ta’ kulħadd li jara li l-ibħra, li huma il-wirt komuni tagħna lkoll, jintħarsu.
Ritratti: Arkivji, Pinkish Ltd