€100 miljun għal Higuain

€100 miljun: Dik hija s-somma mitluba mill-President ta’ Napoli, De Laurentis biex iċedi lill-attakkant Gonzalo Higuain.
Sa ftit tal-ġimgħat ilu, kien jidher li l-klabb Naplitan ma jasal qatt jikkunsidra l-bejgħ tal-aqwa stilla tiegħu: iżda l-mument maġiku għall-plejer, li skorja 29 gowl dan l-istaġun, jidher li nbidel f’ħolma kerha hekk kif il-Ħadd falla penalty li jista’ jiswa xejn anqas minn €40 miljun lill-klabb tiegħu.
Napoli, bit-telfa ta’ 4-2 f’darhom kontra Lazio, tilfu post fiċ-Champions League tas-sena d-dieħla. Meta l-iskor kien għadu dak ta’ 2-2, Higuain falla penalty deċiżiv li seta’ jaqta’ l-biljett għat-tim Naplitan. Sfortunatament, dan l-iżball, tefa’ lin-Napli fl-Europa League, li bejn premijiet, sponsors u drittijiet televiżivi, se jfisser telf ta’ madwar €40 miljun.
Dan kien ir-raba’ penalti li falla Higuain dis-sena.
Skont mezzi tax-xandir internazzjonali, jidher li se jkun hemm taqtigħa qawwija għas-servizzi ta’ Higuain. S’issa, jidher li l-Manchester United huma l-aktar ħerqana li jakkwistaw dan l-attakkant għalkemm il-valutazzjoni tagħhom tqarreb iktar is-€60 miljun. L-Arsenal u Atletico Madrid ukoll jidher li esprimew interess.
Issa li l-istaġun tal-futbol riesaq lejn tmiemu, jidher li ġej Sajf mill-aktar sħun fis-suq tat-trasferimenti.