€100,000 għal 5 għaqdiet biex jippromwovu l-konservazzjoni ta’ tajr selvaġġ

B’kollox ingħataw €106,188 lill-ħames organizzazzjonijiet lokali volontarji FKNK, KSU, Birdlife Malta, Nature Trust Malta u l-club Falconry Fridericus Rex għal proġetti li jvarjaw minn kampanji edukattivi fuq il-konservazzjoni tal-ispeċi tat-tajr għall-installazzjoni ta’ bejtiet għall-għasafar, għal inizjattivi biex titqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà tal-kaċċa u l-immaniġġjar ta’ għasafar tal-priża u għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-ispeċi tal-Barbaġann.
Il-Ministru José Herrera u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qassmu dawn l-għotjiet lil ħames NGOs għal proġetti li jippromwovu l-konservazzjoni tal-għasafar slavaġ.
Il-Ministru Herrera enfasizza li b’dawn it-tip ta’ skemi, il-fondi jgħinu b’mod dirett lill-NGOs biex jimplimentaw il-proġetti tagħhom. Spjega li l-finanzjament ta’ din l-iskema ġej mill-penali miġbura minn reati relatati mal-kaċċa li issa qed jiġu mgħoddija lura għall-konservazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li jinsab fiduċjuż li din l-inizjattiva għall-konservazzjoni se tkompli tikber b’suċċess u għandha tipproduċi l-ewwel frott tagħha fi żmien ftit xhur. Clint Camilleri rringrazzja lill-Wild Birds Regulation Unit u lill-Kumitat tal-Fond tal-Konservazzjoni tal-Għasafar li ħadu din l-inizjattiva u awgura lill-ħames NGOs li jtemmu b’suċċess il-proġetti tagħhom.
Id-disa’ proġetti proposti mill-NGOs se jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Salvaġġi. Il-Fond jipprovdi assistenza finanzjarja lill-NGOs reġistrati biex jappoġġjaw inizjattivi li jikkontribwixxu l-konservazzjoni ta’ għasafar slavaġ, ta’ governanza tal-kaċċa sostenibbli u tal-edukazzjoni u tar-riċerka relatata ma’ speċi ta’ għasafar. Il-proġetti mistennija jitlestew fi żmien sena.
Fi stqarrija, Kaċċaturi San Ubertu (KSU) rringrazzjaw lill-Ministru Herrera u lis-Segretarju Parlamentari Camilleri għal proġetti relatati mal-Fond tal-Konservazjoni tal-Għasafar. KSU esprimiet ruħa bħala kburija li ġew mogħtija żewġ proġetti minn dawn il-fondi, bil-proġett ghal bejtiet artifiċjali għall-għasafar bl-isem ‘Bejta’ u laqgħat ta’ tagħrif u informazjoni bl-isem ‘Aġġornat’.