€1 miljun għal xarba birra Għawdxija

F’Għawdex fetħet birrerija artiġjanali, li saret b’investiment ta’ €1 miljun. Il-birrerija Lord Chambray Ltd, qiegħda fil-Gozitano fix-Xewkija.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Samuele D’Imperio qal li l-familja tiegħu żaret Għawdex aktar minn 25 sena ilu, u inġibdet lejn il-gżira.
Fi stqarrija, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li dan l-investiment se jirriżulta f’aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Żied jgħid li se jkun qed joffri attrazzjoni turistika unika fil-gżira.
Spjega kif għall-ewwel darba t-turisti Maltin u barranin li jżuru Għawdex, jista’ jkollhom opportunità li jesperjenzaw mawra fil-birrerija filwaqt li jiffamiljarizzaw irwieħhom ma’ din l-arti artiġjanali.
Il-Ministru Refalo qal li dan l-investiment huwa konformi mal-politika tal-Gvern li jippromwovi aktar investiment fl-agrikoltura. Żied jgħid li l-Gvern huwa kommess li Għawdex bħala reġjun jingħata €32 miljun mill-fondi Ewropej, biex jiġu investiti fl-agrikoltura.
Ritratt: DOI – George Scerri