€1 miljun f’sena lill-assoċjazzjonijiet sportivi

Madwar €1 miljun ingħataw bħala assistenza finanzjarja lill-assoċjazzjonijiet u lill-atleti individwali matul is-sena li għaddiet.
Fl-aħħar għotja minn SportMalta, ingħataw iktar minn €300,000 biex isiru għaxar proġetti sportivi.
Minn din l-għajnuna finanzjarja gawdew 214 atleta u assoċjazzjoni. 
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Chris Agius, tenna li fil-ġimgħat li ġejjin se jittieħed l-abbozz tar-riforma tal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, biex l-assoċjazzjonijiet ma jibqgħux jiddependu fuq SportMalta biss. Agius sostna li se ssir konsultazzjoni dwar din ir-riforma u ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti l-opinjoni tiegħu.
L-aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li x-xewqa tal-entitajiet sportivi hi li s-sena 2017 tkun is-sena tal-isport għal Malta.
Kompla billi fakkar li fit-13 ta’ Frar se tiġi organizzata serata għall-għoti ta’ unuri u ħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet biex jitfgħu n-nomina tal-aħjar atleti tagħhom.
Sostna li se ssir sensiela ta’ emendi biex il-Liġi tal-Isport tkun konformi mal-kuntest attwali.
Żied jgħid li l-proġetti li tħabbru f’Novembru diġà bdew jitlestew u se tkun aġġudikata t-tender biex jiġu stabbiliti l-periti li se jaħdmu fuq id-disinn tat-tkabbir tal-Kottonera u tal-Youth Village f’Santa Venera.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut