€1.6m għal entità ġdida li se tieħu ħsieb il-baħar

Ġew allokati €1.6 miljun biex titwaqqaf entità governattiva fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu, li xogħolha se jkun li tistudja, tipproteġi, tippreżerva u tippromwovi l-wirt kulturali marittimu Malti.
Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza internazzjonali Our Ocean il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Konrad Mizzi, ħabbar li fil-pjan ta’ ħidma ta’ din l-entità se jkun hemm ukoll li tiffaċilità l-aċċess għal punti storiċi Maltin ta’ taħt il-baħar.
Dan bil-għan li twessa’ aktar l-għarfien tar-rikkezza kulturali dawn is-siti bħala partijiet intrinsiċi għall-ammbjent tar-razza umana.
Waqt l-indirizz tiegħu, Mizzi tkellem dwar modi biex jitnaddaf u jiġi protett l-oċean, kif ukoll dwar ir-rabtiet tal-Ministeru tiegħu li jkomplu ma’ dawk li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem dwarhom sabiex tiġi protetta din it-tieni dinja.
Il-Ministru temm jgħid li xogħol din l-entità finalment se jissarraf biex joktor it-turiżmu marittimu lejn Malta u fl-istess ħin tinżamm is-sostenibbiltà li minnha jgawdu l-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni.
Ritratt: Rene Rossignaud