€1.5 miljun għat-toroq f’Għawdex

Il-Ministeru għal Għawdex alloka €1.5 biex is-sena d-dieħla jiżdiedu mal-€1.8 li diġà kien hemm allokati biex jitranġaw it-toroq.
Dawn ix-xogħlijiet huma parti minn sfera akbar ta’ ħidma fi ħdan Proġett Għawdex, li l-Ministru Justyne Caruana laqqmitu bħala “l-għajta tagħna għal Għawdex u l-Għawdxin."
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru ħabbret dan l-investiment u żiedet tgħid li biex jitwettaq Proġett Għawdex irid jiġi mmobilizzat Għawdex u l-Għawdxin kollha.
Sostniet li mhix se taċċetta xogħol kożmetiku, imma li jkun kollox skont is-sengħa u skont programm ta’ xogħol skedat u b’kontabilità sħiħa tal-flejjes li se jintefqu.
Caruana semmiet il-ħidma sfiqa li qed issir mal-kunsilli lokali sabiex il-proġett jimxi.
Dawn huma l-irħula u t-toroq li se jsirilhom ix-xogħol:
Għajnsielem: Triq iż-Żewwieqa
L-Għarb: Triq tal-Virtù u Triq Tumas Cassar
L-Għasri: Trejqet San Pupulju, Trejqet Dun Ġuzepp Cassar u Trejqet id-Dehra, Triq it-Tamar u parti minn Triq il-Fanal
Kerċem: Triq Wied il-Lunzjata
In-Nadur: Triq il-Qortin
Il-Qala: Triq ta’ Kassja u triq ġdida fi Triq il-Mitħna
San Lawrenz: Triq id-Duluri u Triq il-Wileġ
Ta’ Sannat: Triq l-20 ta’ Lulju u parti minn Triq Seguna
Ix-Xagħra: Triq Għajn Ħożna
Ix-Xewkija: Triq il-Knisja
Iż-Żebbuġ: Triq Sagħtrija
Il-Ministru temmet issemmi xogħlijiet oħra li se jkunu għaddejjin flimkien ma’ dawn is-sena d-dieħla, filwaqt li rreferiet għall-proġett bħala wieħed bla preċedent minħabba l-importanza li qed tingħata lill-infrastruttura Għawdxija.
Ritratt: MGOZ – George Scerri