€1.4 miljun għall-PA biex ittejjeb l-amministrazzjoni pubblika

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ingħatat b’€1.4 miljun minn fondi Ewropej għal żewġ proġetti relatati ma’ taħriġ u boroż ta’ studju dwar il-futur soċjoekonomiku tal-pajjiż, kemm fuq livell ta’ organizzazzjoni, u anki fuq dak aktar wiesa’, nazzjonali.
SpatialTrain Scholarship Scheme u PA+ ġew inawgurati mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, Chris Agius, u fi stqarrija ntqal li din l-idea hi parti minn pjan usa’ tal-Gvern għat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika.
L-ewwel proġett, SpatialTrain Scholarship Scheme, se joffri 175 borża ta’ studju f’livelli tal-MQF 4 (ċertifikst),5 (diploma),6 (grad) u 7 (maġisteru) fil-qasam tat-teknoloġija ġeospazjali, jiġifieri t-teknoloġija relatata mat-tiftix fl-ispazju qrib tad-dinja.
Il-korsijiet imsemmija jibdew f’Ottubru li ġej.
It-tieni programm, PA+, se jipprovdi taħriġ speċifiku għall-ħtiġijiet li tindika l-PA. Ħtiġijiet li jirrelataw mar-riżors uman u l-kapaċità tiegħu, fosthom fil-Kunsilli Lokali.
Il-korsijiet ipprovduti jkopru temi bħall-Immaniġġjar tal-Operat, il-Politika Strateġika, id-Diżinn Arkitetturali, u l-bqija.
Ritratt: Arkivji